Persuni intitolati għall-kumpens huma ċittadini ta’ Malta u ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Fatti u informazzjoni: kumpens
Jekk ma tikkwalifikax taħt din l-iskema, xorta waħda tista’ titlob kumpens mingħand it-trażgressur, jew, jekk il-proċeduri Kriminali għadhom għaddejjin, itlob lill-Qorti toħroġ ordni ta’ kumpens. Victim Support Malta ttista’ tgħinek b’konsultazzjoni biex tagħtik pariri dwar kif tipproċedi f’dan ir-rigward.
Jekk inti sofrejt danni minħabba reat vjolenti li jaqa’ fi ħdan il-parametri tal-iskema, jiġifieri omiċidju volontarju, ħsara gravi tal-ġisem b’armi proprji, jew każijiet oħra ta’ ħsara gravi tal-ġisem, u stupru, inti tista’ tapplika għal kumpens taħt l-Iskema ta’ Kumpens għal Danni minħabba Reat. Ma tagħmilx differenza jekk it-trażgressur inqabadx, iżda hemm regoli oħra li jiddeterminaw jekk tirċevix kumpens jew le. Kif diġà ssemma’ qabel, dawn ir-regoli jinsabu f’Artikolu 8 tal-Avviż Legali msemmi, u huwa importanti li kull min jixtieq japplika taħtu jaqrahom bir-reqqa u jiffamiljarizza ruħu magħhom qabel japplika. Għalhekk, apparti l-informazzjoni utli u qasira pprovduta hawn, aktar informazzjoni, spjegazzjonijiet u għajnuna tista’ tinkiseb mill-Unità tal-Ġustizzja li tinsab fi 30, Triq it-Teżor, Il-Belt, Valletta, waqt il-ħinijiet normali tal-uffiċju, fejn inti ssib uffiċjali kompetenti lesti jwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek u jgħinuk.
Il-kumpens isir permezz ta’ pagament ta’ somma waħda f'daqqa, aktar milli pensjoni perjodika, iżda tkun f’idejn l-Uffiċjal tal-Klejms li jagħmel għotja interim u jipposponi li jagħmel l-għotja f’każ fejn ikun hemm dewmien fil-valutazzjoni finali medika tal-ħsara.
Iva, il-liġi nfisha ħasbet biex ikun hemm l-irwol ta’ 'Assisting Officer' preċiżament biex jgħin fil-mili u biex jirċievi l-applikazzjonijiet u jgħin fl-evalwazzjoni tagħhom. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jiġu sottomessi lill-Assisting Officer biex jgħaddihom lill-Uffiċjal tal-Klejms li jiddetermina l-għoti u l-pagamenti tal-kumpens. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi f’perjodu raġonevoli ta’ żmien u mhux aktar tard minn sena wara li jkun sar id-delitt vjolenti intenzjonali. L-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport tal-pulizija.
L-Uffiċjal tal-Klejms jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jitlob kwalunkwe evidenza addizzjonali bil-għan, fost affarijiet oħra, li jiżgura li l-kumpens ma ngħatax jew mhux se jingħata minn kwalunkwe sors ieħor inkluż, jekk ikun meħtieġ, affidavit mill-applikant u jista’ jsejjaħ lill-applikant biex isirlu jew jerġa’ jsirlu eżami mediku.
Ebda pagament lil kwalunkwe rikorrent m’għandu jaqbeż is-somma ta’ EUR 23,293.73 u tali somma m’għandhiex tinqabeż fejn hemm aktar minn rikorrent wieħed permezz ta’ tali reat.
Ebda kumpens ma jkun pagabbli lil applikant, li fil-fehma tal-Uffiċjal tal-Klejms, ma tax lill-Uffiċjal tal-Klejms kull għajnuna raġonevoli fir-rigward tar-rapport mediku, u altrimenti, li jista’ jkollu bżonn.
Hemm għadd ta’ dokumenti u ċertifikati li fil-każijiet kollha jridu jiġu sottomessi flimkien mal-applikazzjoni nfisha. Għaldaqstant jekk inti taħseb li tista’ tikkwalifika għal kumpens, nagħtuk parir li tieħu nota ta’ dan li ġej:
- Kwalunkwe spejjeż li kellek tagħmel bħala riżultat tar-reat, pereżempju spejjeż mediċi jew l-ispejjeż biex issewwi jew tissostitwixxi l-propjetà tiegħek.
- Kwalunkwe telf mid-dħul li kellek.
- Kwalunkwe dħul li rċevejt bħala riżultat tad-delitt (pereżempju benefiċċji soċjali u/jew tal-qgħad, jew kwalunkwe Ordni tal-Qorti relatata mal-kumpens).
- Dejjem żomm kwalunkwe rċevuti, stimi jew dokumenti oħra relevanti!